Dwar il-kampanja
L-Għan
Il-kampanja Żomm Għajnejk Miftuħin għandha l-għan li toħloq ambjent fejn il-vittmi tal-vjolenza jħossuhom siguri, mifhuma u megħjuna. Imnedija mill-Kummissjoni Ewropea, l-għan tal-kampanja huwa li tiżgura li l-vittmi jifhmu d-drittijiet tagħhom u li huma jħossuhom f’pożizzjoni li jistgħu jużawhom u jfittxu l-ġustizzja. Il-kampanja għandha l-għan ukoll li tiggarantixxi li l-vittmi jkunu trattati b’ġustizzja, dinjità u rispett, li l-vuċijiet tagħhom jinstemgħu u li jafu fejn jistgħu jfittxu l-appoġġ.
Għaliex il-kampanja tiffoka fuq din it-tip ta’ kriminalità
Il-kampanja Żomm Għajnejk Miftuħin tiffoka fuq kriminalità kontra t-tfal, kriminalità marbuta ma’ mibgħeda xenofobika, kriminalità ta’ mibgħeda kontra l-komunitajiet LGBTIQ, kriminalità vjolenti, kriminalità bbażata fuq il-ġeneru, u l-kriminalità mwettqa permezz tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT). Madankollu, hu importanti li niftakru li r-reati kollha jista’ jkollhom riperkussjonijiet serji fuq il-vittmi. Id-drittijiet tal-vittmi indikati fuq dan is-sit japplikaw għall-vittmi tar-reati kollha, u wħud mis-servizzi ta’ appoġġ jistgħu jkunu disponibbli għal vittmi ta’ kriminalità differenti minn dawk elenkati.
Għaliex l-UE qed taġixxi issa
Kull sena, miljuni ta’ persuni jkunu vittmi ta’ vjolenza; din tista’ taffettwa lil kulħadd, ikun min ikun.
L-UE taħdem kontinwament bie-x tiżgura li l-vittmi jirċievu d-drittijiet, l-appoġġ u l-ħarsien li għandhom bżonn fl-Istati Membri kollha, inkluż aċċess għal miżuri ta’ protezzjoni, bħal proċeduri ta’ rappurtaġġ sigur, protezzjoni minn periklu ulterjuri, u salvagwardji speċifiċi għal vittmi vulnerabbli, flimkien ma’ servizzi prattiċi u emozzjonali. Madankollu, biex verament issir bidla, irridu lkoll nirrikonoxxu l-vittmi, nisimgħu mingħajr ma niġġudikaw u naraw li ħadd ma jkollu għalfejn jaffronta l-impatt tal-kriminalità waħdu. Huwa għalhekk li huwa importanti li nkunu nafu d-drittijiet tagħna u fejn nistgħu nduru għall-għajnuna, għalina u għall-persuni li nħobbu. Din il-kampanja tħabbret fl-ewwel strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025).
Huwa kruċjali li l-vittmi jkunu jistgħu jfittxu l-appoġġ, il-protezzjoni u l-ġustizzja li għandhom bżonn. Il-vittmi għandhom jiġu trattati b’rispett u konsiderazzjoni. Jekk le, ikun hemm riskju ta’ vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, fejn il-vittma ssofri danni ulterjuri fil-mod kif l-istituzzjonijiet jirrelataw magħha.
Il-Kummissjoni Ewropea qed tniedi din il-kampanja biex tiżgura li l-vittmi tal-kriminalità, sħabhom u l-familjari tagħhom ikunu konxji tal-pariri u s-servizzi ta’ appoġġ, xelters disponibbli (inkluż djar għat-tfal u l-familji), helplines, appoġġ emozzjonali u psikoloġiku, għajnuna medika, appoġġ f’każ ta’ trawma u counselling, u servizzi soċjali oħra disponibbli għalihom.
X’tagħmel l-UE biex tipproteġi l-vittmi?
Fl-2012, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi. Din tistabbilixxi standards minimi dwar id-drittijiet tal-vittmi u jistipula x’appoġġ u protezzjoni għandu jkun disponibbli għalihom. Fl-2023, il-Kummissjoni addottat proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, bl-għan li ssaħħaħ l-aċċess tal-vittmi għall-informazzjoni, permezz ta’ helplines, bl-assigurazzjoni ta’ ħarsien aħjar permezz ta’ valutazzjoni individwali msaħħa, biex jissaħħaħ l-appoġġ akbar għal vittmi vulnerabbli (inkluż tfal), biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-vittmi fi proċeduri krimimali u biex jingħata aċċess aktar adegwat għal kumpens. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qed tipprepara strateġija ġdida tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi biex issaħħaħ il-qafas politiku f’dan il-qasam.